Historic Milestones
Our Story
1965
It-Twelid ta’ l-Għaqda
Għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu ta’ l-1985 kienet ittieħdet iniżjattiva biex tiġi organizzata assembled band sabiex tieħu sehem fit-tlett ijiem tal-festa. Għal din il-biċċa xogħol, mil-lat mużikali, kien daħal għaliha Mro. Anthony Cassar. L-ideja rnexxiet u ntgħoġbot u kien propjru minn hawn li nibtet l-ideja, jew aħjar kompla jissaħħah il-ħsieb biex fil-Fgura tiġi ffurmata banda fuq bazi permanenti.
Kienu s-sinjuri Joseph Attard, Joseph Mangion u Toni Cumbo it-tlett promoturi li daħlu għal din il-biċċa xogħol iebsa u bdew javviċinaw xi persuni, li kienu lesti li jingħaqdu magħhom sabiex jifformaw il-banda. Il-lokal tal-Fgura kien beda jikber ġmielu, u dak iż-żmien l-abitanti kienu jgħoddu mat-tmient elef ruħ. Iżda kien diffiċli li minn daqstant nies issib individwi li kienu trabbew u kibru fil-Fgura, u li kienu lesti jidħlu għal dan ix-xoghol b’sagrificcju personali u ċiviku. Iżda l-ħeġġa tat-tliet promoturi sebqet kull diffikulta’ u sabu numru bizzejjed ta’ nies biex jiffurmaw kumitat provizorju.
L-ewwel laqgha ta’ dan il-kumitat saret fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju 1985, fil-garaxx tas-Sur Joseph Gauci, li aktar tard kien maħtur bħala l-ewwel President ta’ din is-soċjeta’ mużikali. Saru jafu lil xulxin u qablu fil-prinċipju kif ukoll fuq l-isem tas-Soċjeta: Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu. L-isem jitkellem waħdu u ma’ kienx hemm għalfejn spjegi partikolari fl-istatut li kienu qed jiddiskutu, liema statut kien diġa’ abbozzat mis-Surmast Anthony Cassar.
Ġew mgħaqqda l-ewwel bandisti u bdew isiru l-kunċerti taħt id-direżżjoni ta’ l-ewwel surmast, is-Surmast Anthony Cassar. Il-ħidma tal-kumitat flimkien mal-ħeġġa tas-Surmast Cassar taw il-frott tagħhom meta, għalkemm mhux uffiċjalment, il-Banda ‘Madonna tal-Karmnu’ ħarġet iddoqq għall-ewwel darba fil-Fgura fil-Milied ta’ l-1985, ħames xhur biss minn meta twaqqaf il-kumitat fundatur. Xahrejn wara, fi Frar 1986, il-Banda għamlet marċ tassew kbir akkumpanjata min-numru kbir ta’ ammiraturi għall-okkazjoni tal-programm televiziv ‘Bonġu Malta’, u aktar tard ħadet sehem fil-festa ta’ Marija Annunzjata li jsir f’ Ħal-Tarxien.
1986
L-ewwel Każin ta’ l-Għaqda
Il-kumitat beda jirsisti sabiex jakkwista lokal li seta’ jservi ta’ każin sabiex il-membri li bdew jingħaqdu ma’ din il-banda ikollhom fejn jiltaqgħu. Wara ħafna ġiri u taħbit instab garaxx fi Triq Kent u l-kumitat daħhal għalih b’ruħu w ġismu. Sar il-kuntratt, tħallset il-kera u l-każin infetaħ għall-pubbliku għall-festa ta’ l-1986. Kienet okkazjoni memorabbli, speċjalment nħar il-festa f’nofsinhar malli spiċċa l-marċ ta’ filgħodu. Briju sħiħ mill-partitarji flimkien mad-daqq ta’ l-innu tal-banda, miktub għall-okkazjoni mis-Surmast Anthony Cassar, għalqu l-ewwel kapitlu ta’ l-istorja tas-Soċjeta’ li sa sena qabel kienet għadha qed titwieled.
Fit-22 ta’ Settembru 1986 sar il-ftuħ uffiċċjali tal-każin mill-Onor Ministru Lorry Sant, li kien ukoll il-Patrun tal-każin. Ftit wara il-kumitat akkwista wkoll il-garaxx ta’ ma ġemb il-każin u niffdu flimkien iż-żewġ garaxxijiet biex kompla jikber il-każin, fejn saret karma għall-kumitat u kamra fejn isir it-tagħlim ta’ l-allievi li kull ma’ jmur bdew jiżdiedu. Il-ħidma tal-kumitat ma’ waqfitx hemm, anżi baqgħet għaddejja bl-organizzażżjonijiet ta’ diversi attivitajiet li bl-għajnuna taghħhom setgħu jinġabru aktar fondi meħtieġa għall iżvilupp tal-banda. Inxtraw xi strumenti u l-banda kellha wkoll l-ewwel bandisti tagħha li baqgħu jiżdiedu matul is-snin. Bħala t-tieni surmast fl-1986 inħatar Mro. Saviour Portelli. Ħafna nies fosthom żgħażagh u tfal bdew iħossuhom li issa kellhom dik ix-xi ħaġa li qabel kienet nieqsa fil-lokal tagħhom, li bdiet tagħtihom skop.
1990
It-Twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ
Fis-sena 1990, fil-każin tagħna inħasset il-ħeġġa u l-entuzjazmu żgħażugh meta erba’ Żgħażagħ, Anthony Haber, Ronald Mercieca, Noel Mercieca u Jason Lombordo, inkoraġġiti mill-President is-Sur Joseph Gauci, iffurmaw il-Kummissjoni Żgħażagħ. Permess ta’ din il-kummissjoni, iż-żgħażagħ bdew jieħdu ħsieb jorganizzaw attivitajiet sabiex jiġbru l-fondi ħalli jkunu jistgħu ikabbru l-marċi tal-festa tagħna billi jorganizzaw briju matul il-marċi tal-festa. Il-ħidma tagħhom kienet tikkonsisti wkoll f’dik manwali u kont issibhom minn ta’ quddiem jagħtu daqqa t’id fil-każin, issa li l-kumitat kien daħal għall-propjeta’ l-ġdida tiegħu. Il-festa tas-sena 1990 kienet żgur memorja għal kull min kien preżenti fejn id-determinazzjoni taż-żgħażagħ issarfet f’ l-aqwa marċ brijuż li sa dak in-nħar kien sar ġewwa l-Fgura.
1991

Każin Ġdid
Il-Ħsieb ewlieni tal-kumitat baqa’ li jinxtara post aktar diċenti u li kien jixraq għas-soċjeta’ bħala każin. Id-diffikultajiet kienu kbar speċjalment mil-lat finanżjarju. Iżda bl-għajnuna tas-Sur Joseph Attard, wieħed mill-promoturi ewlenin, ġie avviċinat is-Sur Joseph Portelli (il-Pirella) li daħal biex biex jiffinanzja x-xiri ta’ propjeta’ ġdida fi Triq Hompesch u hekk il-kumitat xtara post ġdid li seta jservi bħala każin ġdid għas-soċjeta’. Bis-saħħa ta’ dawn in-nies il-ħolma tal-kumitat u ta’ ħafna Fgurjani saret realta’. Malli nxtara l-post imsemmi il-kumitat ra u medd għonqu għax-xogħol biex isiru xi tibdiliet kostruttivi fil-post, u bil-għajnuna tal-voluntiera beda x-xogħol sabiex il-post jiżi kkonvertit ħalli jaqdi l-esiġenzi tal-każin. Infetħu xi ħitan, saru xi travi u beda it-tibjid.
Mhux ta’ b’xejn li s-sena 1991 kienet sena oħra mportanti ferm fl-istorja tas-soċjeta’ tagħna. Dan minħabba l-fatt li tul dik is-sena kompliet il-ħidma intensiva sabiex il-post li kien inxtara jitlesta u jibda jiffunżjona bħala każin. Hekk sar u fil-15 ta’ Diċembru, 1991 sar il-ftuh uffiċċjali tal-każin preżenti fi Triq Hompesch, it-triq prinċipali tal-Fgura. Minn dak in-nħar ‘l quddiem, il-kumitat ħadem bla heda sabiex ikompli jkabbar l-isem ta’ din is-soċjeta’ u fl-istess ħin barra li jħallas l-ispejjez li kellu tal-post, ikompli jorganizza l-marċi fil-ġranet tal-festa.
1992 – 2000
Ħidma matul is-Snin
Fis-sena 1992 il-kumitat ħatar lis-Surmast Mro. Karmenu Vella bħala t-tielet surmast minflok is-surmast Saviour Portelli. Bl-inizjattiva tas-Sur Anġlu Abela, bdew jinġabru fondi sabiex issir statwa ta’ anġlu li jissimbolizza l-każin u l-mużika u li tibda tintrama fi żmien il-festa. L-ideja ingħtoġbot u wara li nġabru ammont mhux ħażin, il-kumitat ħareġ id-differenza ta’ l-ispejjeż u l-istatwa saret. Din inħadmet mill-iskultur Renzo Gauci u bdiet tintrama fil-pjażża fejn kien isir il-programm mużikali. Illum din l-istatwa tintrema fuq il-kolonna faċċata tal-każin. Matul dawn is-snin, saru wkoll recordings tal-marċi fuq cassette f’ diversi okkazjonijiet.
Fis-sena 1995, il-Kummissjoni Żgħażagħ, fuq iniżjattiva tas-Sur Anthony Pizzuto, tellgħet għall-ewwel darba wirja ta’ statwi għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira fil-basement tal-każin. Il-wirja kienet suċċess u ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-ħafna nies li ġew iżuruha, tant li l-kummissjoni żgħażagħ kompliet taħdem u l-wirja baqgħet issir kull sena, u bdiet dejjem tiżdied fil-popolarita’tagħha.
Ix-xogħol fil-każin baqa’ għaddej. Il-bar kien sar żgħir u għalhekk il-kumitat ħaseb sabiex tiġi msaqqfa parti mill-bitħa u hekk isir bar addattat għall-każin. Barra l-bar, inbniet sala ġdida fejn setgħu isiru l-kunċerti. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol sar volontarjament mill-membri u miż-żgħażagħ. Fl-1996 inħatar ir-raba’ Surmast tas-Socjeta’; Mro. Chev. Vincent Bonnici K.T.L.
F’Settembru ta’ l-1998, xahrejn wara l-festa il-każin inħasad bl-aħbar tal-mewt tal-President. Kien eżatt it-28 ta’ Settembru fejn l-aħbar tal-mewt tal-maħbub President is-Sur Joseph Gauci inxterdet mal-Fgura. Il-Banda tal-Fgura, li kienet il-mimmi t’ għajnejh, tagħtu l-aħħar tislima bid-daqq ta’ marċi funebri nħar l-1 t’ Ottubru 1998 b’ korteo li beda minn ħdejn il-każin sal-Knisja Parrokkjali. Kienet telfa li nħasset mill-membri kollha tas-Soċjeta’, għax minbarra li tlifna President, il-każin tilef raġel u ħabib li kont issibu dejjem lest li jmidd idejh għax-xoghol f’kull fejn kien jinħtieġ fil-każin. Fil-laqgħa ġenerali li saret ftit wara ġie maħtur President ġdid is-Sur Joseph Pace.
Is-sena 2000 waslet u fl-okkazjoni tal-ħmistax-il sena mit-twaqqif tal-banda il-kumitat ħaseb li jagħmel kolonna ġdida għall-anġlu. Fuq iniżjattiva tal-kaxxier, is-Sur Omar Cassar, bdew jinġabru l-ispejjeż u għall-festa ġiet inawgurata l-kolonna. Iż-żgħażagħ min-naħa tagħhom komplew bil-ħidma u f’għeluq l-għaxar sena mit-twaqqif tal-kummissjoni għamlu kanniżżata sabiex tintuża fil-marċ tal-Ħadd filgħodu. Dan minbarra l-affarijiet oħra li saru matul is-snin li permess tagħhom kompliet tikber il-festa titolari tal-parroċċa tagħna. Fis-sena 2004 il-Kummissjoni żgħażagħ ħarġet compact disc b’ marċi brijuzi kantati, li ntlaqgħet tajjeb ħafna min-nies tal-Fgura.
Matul iż-żmien il-ħidma tal-kumitat baqgħet għaddejja. Il-banda tal-Fgura mhux biss bidet tieħu sehem fil-parroċċa tagħna imma bdiet tagħmel diversi serviżżi barra mill-Fgura f’ diversi festi. Il-kumitat ra diversi uċuħ ġodda li baqgħu mexjin fuq il-passi ta’ dawk ta’ qabilhom u l-istess jista’ jingħad għaż-żgħażagħ li kull ma jmur dejjem kienu qed jikbru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ organizzażżjoni tal-briju. L-element tal-briju miż-żgħażagħ ma naqasx u ta’ kull sena fil-festa konna naraw xi ħaġa ġdida li kienet tikkumplimenta tajjeb il-marċi tal-banda.
2005

20 Sena mit-twaqqif tal-Banda
Għall-festa ta’ l-2005, fl-okkazjoni ta’ l-20 sena mit-twaqqif tal-banda u l-15-il sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ, il-Kummissjoni Żgħażagħ għamlu mudell tal-Knisja tal-Fgura u minn ġo nofsha ġiet imtella’ permess tal-hydraulic, statwa tal-Madonna tal-Karmnu. Kien mument ermożżjonali ħafna, tara tant żgħażagħ jiċċelebraw b’mod maestuż il-festa lill-Padruna tal-Fgura. Fl-istess sena, il-kumitat ħareġ l-ewwel compact disc ta’ marċi brijuzi.
Fil-laqgha ġenerali ta’ Settembru 2005 ġie elett bħala t-tielet President tas-Soċjeta’ is-Sur Ronald Mercieca. Dik is-sena wkoll ġiet iffurmata Kummissjoni Banda fi ħdan is-soċjeta, u beda joħroġ il-fuljett Min-Noti tal-Kazin tal-Banda. Dan il-fuljett joħroġ kull tliet xhur u jitqassam f’ kull dar fil-Fgura.
Kunċert li sar fis-skola, li sar mill-għoxrin sena mit-twaqqif tas-Soċjeta.
Sabiex jitfakkar l-anniversarju ta’ l-għoxrin sena mit-twaqqif tal-Banda, il-kumitat tella’ programm mużikali fis-sala ta’ l-iskola primarja tal-Fgura nħar it-18 ta’ Diċembru 2005. Dan il-programm, minbarra il-livell eċċelenti mil-lat mużikali, ra fiħ il-ħolma, li bdiet ħmistax-il sena qabel, isseħħ. Kien proprju dakinħar li l-kumitat ħallas l-aħħar pagament fuq il-każin lis-Sur Joseph Portelli u hekk is-soċjeta tagħna tista’ tgħid li l-każin hu propjeta’ tagħha. Fl-istess programm is-surmast Chev. Vincent Bonnici irregala Innu Marc ġdid, kompoziżżjoni tiegħu stess, lis-Soċjeta’ u li ndaqq għall-ewwel darba dakinħar.
Fuq iniżjattiva tal-Kummissjoni Żgħażagħ, għall-festa ta’ l-2006 ġiet ipprezentata u mzanzna bandiera ġdida waqt il-programm mużikali li sar lejliet il-festa, Is-sena ta’ wara, għall-festa tal-parroċċa u proprju waqt il-programm mużikali li jsir lejliet il-festa, is-Sopran Miriam Camilleri kantat l-innu marċ il-ġdid akkumpanjata mill-banda. Ta’ min jgħid li l-kliem magħżul għal dan l-innu marċ ġie miktub ukoll mill-istess Miriam Camilleri. Fl-istess programm indaqqet ukoll fanfarra bl-Ave Maria fuq arranġament tas-surmast tal-Banda Chev. Vincent Bonnici. Din is-silta ġiet rregalata mis-surmast lill-President ta’ l-Għaqda waqt dan il-programm. Għal din is-sena wkoll il-kumitat ħa ħsieb u ħareġ it-tieni compact disc b’ marċi brijużi kemm ġodda kif ukoll oħrajn mir-repertorju tal-każin.
Fl-2007, is-surmast Chev. Vincent Bonnici irregala lill-banda fanfarra bl-Ave Maria fuq arranġament tiegħu stess. Fl-istess sena il-kumitat ħareġ it-tieni C.D. b’marċi brijużi. Fis-sena 2008 is-soċjeta nediet il-website uffiċċjali tagħha kif ukoll għall-ewwel darba, għal żmien il-festa, beda jxandar Radju Banda Fgura mill-istess każin, waqt li ż-żgħażagħ ħarġu t-tieni C.D. b’ marċi brijużi kantati. Għall-festa tal-2009 il-Kummissjoni Żgħażagħ żanżnet kanniżżata ġdida minflok dik li kienet saret fis-sena 2000. Minbarra li toffri kenn lil-bandisti mix-xemx, il-kanniżżata fiha xogħol ta’ arti li jpaxxi lil kull min jaraha. Fis-sena 2009 twaqqaf il-Bord Editorjali li ħa f’idejh l-inkarigu li jieħu ħsieb il-pubblikażżjonijiet li toħroġ l-Għaqda, filwaqt li ġiet iffurmata il-Kummissjoni Radju u Kultura li inħolqot sabiex tiffoka fuq ix-xandir tar-radju għal żmien il-festa kif ukoll attivitajiet oħra kulturali. Filfatt għall-ewwel darba il-Kummissjoni Radju u Kultura organizzaw wirja għall-żmien il-Milied fejn ġew esebiti bambini, presepji u affarijiet oħra li għandhom konnessjoni mal-Milied.
Matul iż-żmien il-ħidma tal-kumitat baqgħet għaddejja. Il-banda ħadet sehem f’bosta servizzi fil-Fgura u servizzi oħrajn barra mill-Fgura f’diversi festi. Kemm il-Kumitat kif ukoll il-Kummissjoni Żgħażagħ raw diversi uċuħ ġodda li mxew fuq il-passi ta’ dawk ta’ qabilhom biex il-ħidma baqgħet għaddejja matul is-snin.
2010

25 Sena mit-twaqqif tal-Banda u 20 Sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ
Is-sena 2010 hija s-sena tal-ġublew parrokjali fil-Fgura. Dan minħabba il-bosta anniversarji li ser jiġu ċċelebrati fil-parroċċa. Il-parroċċa qed tfakkar il-ħamsin sena mill-miġja tal-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu. Din is-sena is-Soċjeta’ qed tfakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha u l-20 sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagh. Marbuta ma’ dan l-avveniment, il-kumitat ħejja programm speċjali biex jitfakkru dawn l-avvenimenti.
Is-Surmast Chev. Vincent Bonnici qed jippreżenta marċ lill-President Ronald Mercieca
B’ rabta ma’ dawn l-anniversarji f’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Radju u Kultura tellgħet Wirja Marjana ġewwa l-każin fejn ġew esebiti bosta statwi tal-Madonna. Diversi għaqdiet li nsibu fil-Fgura flimkien ma’ xi każini tal-baned Marjani f’ Malta ipparteċipaw fil-wirja billi ġabu l-istandard tal-għaqda tagħhom. Kien hemm ukoll esebiżżjoni b’ ritratti u informażżjoni dwar il-vara titulari tal-Fgura li din is-sena qed infakkru il-ħamsin sena mill-miġja tagħha fostna. Għal din is-sena wkoll reġgħu ħadu ħsieb ir-Radju Banda Fgura u permess tal-ħidma tagħhom ħolqu studio ġdid minn fejn ixandru.
Għall-festa tal-2010 kieku saru libretti ġodda għall-banda u sar ir-recording mill-banda u ħareġ it-tielet compact disc b’ marċi brijuzi. Il-kumitat ħaseb sabiex għal din l-okkażjoni jagħmel arkivju sabiex jiġbor fiħ il-mużika kollha li l-għaqda għandha fil-pussess tagħha. Dan kien inawgurat nħar is-Sibt 24 ta’ Lulju 2010, eżatt 25 sena minn meta saret l-ewwel laqgħa mill-membri fundaturi tal-istess soċjeta’. Saret ukoll akkademja mużikali u letterarja nħar l-Erbgħa 28 ta’ Lulju fuq iż-żuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Fgura fejn minbarra li jindaqqu bosta siltiet u inqraw xogħlijiet letterarji, ġie ppreżentat uffiċċalment ktieb maħruġ mill-kumitat dwar l-istorja tal-Għaqda Muzikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu’ (Fgura). Dan il-ktieb ġie miktub mis-Sur Charles Magro, li wara li għamel ir-riċerki meħtieġa, niseġ l-istorja ta’ dawn is-snin li għaddew minn qabel ġiet iffurmata il-banda sal-ġurnata tal-pubblikażjoni. Iċ-ċelebrażżjonijiet tal-25 sena mit-twaqqif tal-banda ġew fi tmiemhom f’ Diċembru fejn saret Quddiesa ta’ ringrażżjament fil-Knisja Parrokkjali tal-Fgura u wara il-banda għamlet programm mużikali taħt id-direżżjoni tas-surmast Chev. Vincent Bonnici.
2010 – 2017
Bini mill-ġdid tal-Każin
Mill-2010 il quddiem, il-ħidma fil-Każin kienet ffukata b’pass ħafna aktar mgħaġġel b’risq il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-Każin. Issa li s-Soċjeta kienet qed tikber ġmiela il-ħtiġijiet komplew jikbru u għaldaqstant kiber ukoll il-bżonn li l-binja tal-każin tkun waħda aktar aċċessibbli u li taqdi aħjar il-ħtiġijiet tas-Soċjeta. Din il-ħidma fuq il-proġett tal-każin saret ukoll fl-isfond ta’ bidliet li kienu għaddejjin fit-tmexxija fis-Soċjeta fejn rat it-tmun tas-Soċjeta jgħaddi f’idejn is-Sur Anthony Pizzuto. Flimkien mas-Sur Pizzuto, is-Sinjuri Anthony Haber u Omar Cassar baqgħu iservu fil-pożizzjonijiet tagħhom ta’ Segretarju u Kaxxier rispettivament. Is-Sur Anthony Pizzuto serva bħala President tas-Soċjeta sal-2014. F’dawn is-snin kompliet il-ħidma fuq il-pjanti tal-binja l-ġdida tal-każin li wasslet sabiex umbagħad fis-snin ta’ wara setgħat wkoll tiddaħħal l-applikazzjoni għand l-Awtorita tal-Ippjanar.
Il-laqgħa ġenerali tal-2014 rat bidla fit-tmexxija tas-Soċjeta fejn f’din l-istess laqgħa ġie maħtur is-Sur Omar Cassar bħala l-ħames President tas-Soċjeta. Is-Sur Kurt Scerri ġie maħtur għall-ewwel darba fil-Kumitat tas-Soċjeta fil-kariga ta’ Segretarju wara li kien serva għall-bosta snin fil-Kummissjoni Żgħażagħ tas-Soċjeta. Is-Sur Anthony Haber assuma l-rwol ta’ Segretarju. Min hawnhekk kompliet ħidma b’intensita ħafna akbar sabiex jibda mill-aktar fis il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-każin.
Fil-bidu tas-sena 2015, issejħet laqgħa ġenerali straordinarja li fiha ġew approvati l-aħħar pjanti għall-proġett tal-bini mill-ġdid tal-każin kif ukoll il-Kumitat ingħata l-mandat sabiex japplika għall-permess tal-istess proġett mal-Awtortia tal-Ippjanar. Dan il-proġett kien jinvolvi illi l-bini preżenti jitwaqqa, jitħaffer nofs sular ieħor taħt l-art sabiex eventwalment iwassal f’binja mqassma hekk:
Basement li iservi bħala maħżen għall-armar kif ukoll sabiex fih isir xogħol marbut ma’ armar tal-briju u armar ieħor li isir fil-festa.
L-ewwel Sular livell mat-triq li huwa is-sular tal-bar u jinkorpora fih wkoll biljard li tintuża għall-logħob ta’ kompetizzjonijiet tal-biljard.
It-tieni sular li jinkorpora fih il-kamra tal-Kumitat li fiha isiru laqgħat tal-Kumitat kif ukoll Sala tal-Arkivju.
It-tielet sular li jinkorpora fih sala multi-purpose li fiha isir it-tagħlim tal-mużika b’xejn għall-allievi kif ukoll bosta attivitajiet oħra.
Ir-raba sular li jinkorpora fih il-bejt u kamra miegħu li tintuża kemm bħala maħżen però ser tintuża wkoll bħala kamra sekondarja għal-laqgħat jew għall-ħtiġijiet oħra.
Sena wara din il-laqgħa ġenerali strarodinarja, eżattament fis-26 ta’ Jannar 2016 beda it-twaqqih tal-binja tal-każin wara li kienu ħarġu l-permessi neċessarji kif ukoll sar kuntratt mal-kuntrattur li ġie ingaġġat mill-Kumitat. Il-Periti responsabbli mill-proġett kienu il-Perit Mark Borg u l-Perit Christian Buhagiar. Is-Sur David Zammit Viċi President tas-Soċjeta, kien assuma l-rwol ta’ Chairperson tal-Kumm. Proġett u mexxa min-naħa tas-Soċjeta l-proġett. Wara li intemm ix-xogħol tat-twaqqih tal-binja l-preżenti, sar it-tħaffir li kien meħtieġ sabiex umbagħad wassal sabiex saru l-pedamenti neċessarji u beda jinbena l-basement. Xahar wara ieħor, il-binja bdiet tiela sular wara l-ieħor.
Flimkien max-xogħolijiet fil-każin, tul dawn is-snin sargħet ħidma intensiva fuq statut ġdid għas-soċjeta wara li kien twaqqaf ukoll working group għal dan l-għan. Dan wassal sabiex l-istatut emendat ġie approvat minn aktar minn żewġ terzi tal-membri preżenti fil-laqgħa ġenerali annwali li seħħet fl-1 ta’ Ottubru 2017 u daħal fis-sehh minn din l-istess data.
2019
2019 Surmast ġdid u President ġdid
Fl-14 ta’ Mejju tal-2019, l-Għaqda Muzikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, Fgura uffiċjalment ħabbret li kienet ħatret lil Johan Debattista bħala Surmast Direttur tas-Soċjeta hekk kif il-Kav. Vincent Bonnici kien qiegħed itemm il-ħidma tieghu bħala Surmast Direttur tas-Soċjeta. Il-Kav. Bonnici kien strumentali fil-qasam tal-banda fi ħdan is-Soċjetà għal aktar minn 27 sena hekk kif l-istess Bonnici kien maħtur Assistent Surmast fl-1992 umbagħad eventwalment Surmast Direttur fl-1996. Fl-isfond ta’ dan it-tibdil il-Kumitat kien ħatar lill-Kav. Bonnici bħala Konsulent Tekniku tal-Banda hekk kif ukoll l-istess Bonnici baqa jservi bħala Għalliem tal-Mużika.
Johan Debattista, Surmast Direttur fi ħdan l-Għaqda Muzikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, ħareġ idoqq lura fl-2002 mal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel. F’Novembru tal-2015 ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda Sant’Anna Marsaskala u f’Mejju tal-2018 ġie msejjaħ sabiex iservi bħala Assistent Surmast mas-Soċjeta tagħna wara sejħa li kienet sargħet.
Fl-14 ta’ Mejju wkoll l-Għaqda Muzikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, Fgura uffiċjalment ħabbret li kienet ħatret lil David Zammit bħala is-sitt President tas-Soċjeta` hekk kif is-Sur Omar Cassar kien irriżenja mill-kariga tiegħu ta’ President ta’ din is-Soċjeta`. Is-Sur Zammit kien inħatar f’din il-kariga sal-laqgħa Ġenerali li kienet tmiss skond kif jipprovdi l-istatut tas-Soċjeta` sabiex umbagħad ġie kkonfermat bħala President fil-laqgħa ġenerali ta’ Ottubru. David Zammit kien ilu minn mindu kien tifel ċkejken viċin tas-Soċjeta` hekk kif ta’ disa’ snin beda jitgħallem il-mużika fis-Soċjeta` tagħna imbagħad ħareġ idoqq mal-Banda tas-Soċjeta sentejn wara. Ta’ ħmistax-il sena ingħaqad mal-Kummissjoni Żgħażagħ fejn serva fost l-oħrajn bħala President tal-istess Kummissjoni. Riżultat ta’ din il-kariga huwa kien parti mill-Kumitat tas-Soċjeta` fejn ħadem ma erba’ Presidenti tas-Soċjeta`; is-Sur Joe Pace, is-Sur Ronald Mercieca, is-Sur Anthony Pizzuto u is-Sur Omar Cassar. Huwa serva qabel fil-Kumitat bħala Vici President u Chairperson tal-Kummissjoni Proġett.